Żoni
It-terminu “dritt internazzjonali” jista’ jirreferi għal żewġ dixxiplini legali:
- Id-dritt internazzjonali pubbliku: dan jirregola r-relazzjoni bejn l-istati u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, fejn jittratta oqsma bħad-drittijiet tal-bniedem, il-liġi tat-trattati, il-liġi tal-baħar, id-dritt kriminali internazzjonali u d-dritt umanitarju internazzjonali.
- Id-dritt internazzjonali privat – jew kunflitt ta’ liġijiet – sett ta’ regoli tad-dritt proċedurali li jiddeterminaw liema sistema legali tirregola u l-liġi ta' liema ġuriżdizzjoni tapplika għal tilwima legali partikolari. Dawn ir-regoli japplikaw meta tilwima legali jkollha element transfruntiera bħal kuntratt miftiehem bejn partijiet li jinsabu fi Stati differenti jew meta l-element transfruntiera jeżisti f’pajjiż b’għadd ta’ ġuriżdizzjonijiet.
Relazzjoni mal-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE)
Għalkemm il-liġi tal-UE tista’ tiġi kkunsidrata bħala forma speċifika ta’ dritt internazzjonali, il-korp prinċipali tal-liġi tal-UE għandu xi karatteristiċi partikolari li ġeneralment ma ssibhomx fid-dritt internazzjonali: b’mod partikolari, iċ-ċittadini jistgħu jinvokaw id-drittijiet iggarantiti mil-liġi tal-UE quddiem il-qrati fl-Istati Membri tal-UE, filwaqt li d-dritt internazzjonali jeħtieġ li jiġi traspost f’liġi nazzjonali qabel ma ċ-ċittadini jkunu jistgħu jinvokawh. Barra minn hekk, id-dritt tal-UE ta’ spiss jipprevali fuq il-liġi tal-Istati Membri tal-UE. Din hija r-raġuni għaliex dan il-Portal għandu paġni separati għad-dritt tal-UE u għad-dritt internazzjonali.
Sorsi u bażijiet ta' data
Tista’ ssib id-dritt internazzjonali prinċipalment fi ftehimiet jew f’konvenzjonijiet internazzjonali, kif ukoll f’sett ta’ valuri, standards u prinċipji li huma rikonoxxuti komunement, li mhux bilfors iridu jissemmew b’mod espliċitu fi ftehim. Il-ftehimiet internazzjonali jistgħu jkunu bilaterali (jiġifieri bejn żewġ stati sovrani) jew multilaterali (jiġifieri bejn iktar minn żewġ stati). Ferm ta’ spiss, dawn ikunu ppreparati u nnegozjati fi ħdan organizzazzjoni internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti (NU), il-Kunsill tal-Ewropa u ħafna oħrajn. Sors importanti ieħor tad-dritt internazzjonali hija l-ġurisprudenza tal-qrati internazzjonali.
Hemm bosta sorsi ta' informazzjoni disponibbli pubblikament dwar id-dritt internazzjonali. Din hija lista mhux eżawrjenti:
- Il-Ġabra tat-Trattati tan-NU,
- In-NU - il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
- Il-Kunsill tal-Ewropa - il-Konvenzjonijiet: drittijiet tal-bniedem, demokrazija, kooperazzjoni ġudizzjarja,
- L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO): il-liġi tal-baħar
- Il-Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Istatus Ċivili (ICCS),
- L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO): id-dritt kummerċjali internazzjonali,
- L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) u ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE),
- L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) - il-Konvenzjoni dwar il-Ġlieda Kontra t-Tixħim,
- Is-Sistema ta’ informazzjoni elettronika għad-dritt internazzjonali (EISIL) tal-American Law Society,
- Il-gwida għad-dritt internazzjonali ta’ HG.org,
- Il-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (HCCH): tista’ ssib il-konvenzjonijiet u l-ftehimiet f’dan il-qasam u anki taqsimiet b’informazzjoni speċjalizzata rigward il-legalizzazzjoni tad-dokumenti għal użu internazzjonali ("postilla"), il-kunsinna tad-dokumenti, il-ħtif tat-tfal u l-adozzjoni.
In-Nazzjonijiet Uniti ħolqot ukoll il-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali. Il-kompitu huwa li tippromwovi l-iżvilupp progressiv tad-dritt internazzjonali u l-kodifikazzjoni tiegħu. Għal dan l-għan, hija tippubblika studji u stħarriġ, tiġbor preċedenti u telabora proposti għal trattati ġodda. Xogħol il-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali wassal għal għadd ta’ trattati importanti u għal xogħlijiet prinċipali oħrajn tad-dritt internazzjonali.