1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?
Id-dritt Awstrijak jirrikonoxxi tliet tipi ta’ divorzju: divorzju minħabba ħtija ta’ waħda mill-partijiet, divorzju wara separazzjoni għal perjodu ta’ mill-inqas 3 snin u divorzju b’kunsens.
Konjuġi jista’ jippreżenta talba għal divorzju jekk iż-żwieġ ikun tkisser b’mod tant irrimedjabbli, minħabba aġir ħażin serju fiż-żwieġ jew imġiba diżonorevoli jew immorali min-naħa tal-parti l-oħra, li ma jkun hemm l-ebda prospett li tista’ tissokta relazzjoni matrimonjali vera.
Jekk il-koppja tkun qed tgħix separata għal 3 snin, kull wieħed mill-konjuġi jista’ jressaq talba għal divorzju minħabba tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ.
Jekk il-konjuġi jkunu ilhom separati għal perjodu ta’ mill-inqas 6 xhur, it-tnejn li huma jammettu li ż-żwieġ tkisser b’mod irrimedjabbli u t-tnejn jagħtu l-kunsens tagħhom għal divorzju, jistgħu jressqu rikors għal divorzju b’mod konġunt.
2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?
Ir-raġuni essenzjali għad-divorzju hija t-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ. Dan it-tkissir jista’ jkun ir-riżultat ta’ nuqqas gravi fl-imġiba min-naħa ta’ xi ħadd mill-konjuġi, speċjalment jekk xi ħadd mill-konjuġi jkun naqas fil-fedeltà jew ikun wettaq vjolenza fiżika jew ikkawża tbatija psikoloġika serja fuq il-parti l-oħra. Il-konjuġi l-ieħor jista’ jippreżenta talba għal divorzju anki jekk l-imġiba ma tistax titqies bħala aġir ħażin fiż-żwieġ minħabba li tkun dovuta għal mard mentali jew disturb simili, iżda ż-żwieġ ikun madankollu tkisser sa punt tant irrimedjabbli li ma jkun hemm l-ebda prospett li tista’ tissokta relazzjoni matrimonjali vera, jew jekk xi ħadd mill-konjuġi jkun isofri minn mard infettiv jew mard kontaġjuż ħafna. F’dawn il-każijiet kollha, il-konjuġi li jressaq talba għal divorzju jeħtieġlu juri l-preżenza tar-raġunijiet invokati. Madankollu, jekk il-konjuġi jkunu ilhom separati għal 3 snin, ma hemm l-ebda bżonn li jiġi asserit jew stabbilit aġir ħażin fiż-żwieġ.
3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:
3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?
Fil-prinċipju, iż-żewġ konjuġi jżommu l-kunjom li kellhom meta kienu miżżewġin. Madankollu, jekk wieħed mill-konjuġi jkun adotta l-kunjom tal-ieħor meta jkun ġie kkuntrattat iż-żwieġ, huwa jista’ jmur lura għall-kunjom preċedenti tiegħu.
3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi
Fil-prinċipju, il-konjuġi huma liberi li jiddeċiedu kif jaqsmu l-beni tagħhom kif jixtiequ. Dan jista’ jsir jew b’rinunzja reċiproka (li biha s-separazzjoni legali tal-beni waqt iż-żwieġ tinżamm ladarba ż-żwieġ jiġi xolt), bid-diviżjoni ta’ kwalunkwe beni miżmuma konġuntament permezz ta’ ftehim dwar il-beni jew permezz ta’ trasferiment tal-beni minn wieħed mill-konjuġi għall-ieħor.
Jekk il-konjuġi ma jkunux laħqu ftehim dwar il-beni tagħhom, kwalunkwe wieħed minnhom jista’ jitlob lill-qorti taqsam ċerti beni li jappartjenu liż-żewġ konjuġi. Dawk li huma magħrufin bħala “beni tal-miżżewġin” u “tfaddil tal-miżżewġin” jinqasmu bejniethom. Il-beni tal-miżżewġin huma d-dar taż-żwieġ u oġġetti tal-unità domestika u kwalunkwe ħaġa li fil-fatt intużat miż-żewġ konjuġi fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum meta kienu miżżewġin. It-tfaddil tal-miżżewġin jinkludi l-assi kollha akkumulati mill-konjuġi meta kienu qed jgħixu flimkien bħala koppja miżżewġa.
Kwalunkwe ħaġa li l-konjuġi jkunu ġabu fiż-żwieġ tagħhom jew li wirtu jew ingħataw b’donazzjoni minn parti terza hija eskluża mid-diviżjoni tal-beni, u l-istess japplika għal kwalunkwe ħaġa li xi ħadd mill-konjuġi waħdu jkun uża għall-użu personali jew għall-okkupazzjoni tiegħu, kif ukoll għall-kumpaniji u għall-ishma f’kumpaniji, sakemm ma kinux sempliċi investimenti.
Il-qorti trid tiddistribwixxi l-beni b’mod ekwu, b’konsiderazzjoni għaċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, u b’mod partikolari għall-importanza u għad-daqs tal-kontribut ta’ kull konjuġi lejn il-kisba tal-beni tal-miżżewġin u għall-akkumulazzjoni tat-tfaddil tal-miżżewġin, kif ukoll għall-benessri tal-ulied minuri. Kontribut ta’ konjuġi jista’ jinkludi ż-żamma u l-forniment ta’ post, il-kontribuzzjoni ta’ qligħ, it-tmexxija konġunta ta’ unità domestika, il-kura u t-trobbija tal-ulied minuri li kellhom flimkien u kwalunkwe appoġġ matrimonjali ieħor.
3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi
Mindu daħal fis-seħħ l-Att tal-2001 li Jemenda l-Att dwar l-Ulied Minuri (Kindschaftsrechts-Änderungsgesetz) li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2001, il-ġenituri separati ingħataw ambitu estensiv sabiex jagħmlu l-arranġamenti tagħhom stess għar-responsabbiltà tal-ġenituri. Fil-każ ta’ divorzju, iż-żewġ ġenituri normalment iżommu r-responsabbiltà konġunta tal-ġenituri għall-ulied minuri. Madankollu, jekk jixtiequ jżommu r-responsabbiltà tal-ġenituri konġunta u sħiħa bħal fiż-żwieġ, jeħtiġilhom jippreżentaw ftehim fil-qorti dwar il-post ta’ residenza prinċipali tal-wild minuri f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Il-ġenituri jistgħu wkoll jidħlu fi ftehim quddiem il-qorti li permezz tiegħu ġenitur wieħed jingħata r-responsabbiltà tal-ġenituri unika jew ir-responsabbiltà tal-ġenituri ta’ ġenitur wieħed tkun limitata għal kwistjonijiet speċifiċi.
Sa mill-Att tal-2013 li Jemenda l-Att dwar l-Ulied Minuri u l-Ismijiet (Kindschafts- und Namensrechtsänderungsgesetz), il-qorti tista’ wkoll tagħti responsabbiltà tal-ġenituri eżerċitata bi ftehim bejn iż-żewġ ġenituri kontra r-rieda ta’ ġenitur wieħed jew saħansitra kontra r-rieda taż-żewġ ġenituri, jekk tikkonstata li din tkun fl-aħjar interess tal-ulied minuri. Il-ġenituri jeħtiġilhom jaqblu wkoll fuq ma’ liema ġenitur se jgħixu l-ulied minuri. Jekk ir-responsabbiltà konġunta tal-ġenituri ma tissodisfax l-aħjar interessi tal-ulied minuri, il-qorti jeħtiġilha tiddeċiedi liema ġenitur għandu jingħata r-responsabbiltà unika tal-ġenituri.
3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?
Il-konjuġi li jkollu t-tort uniku jew predominanti jeħtieġlu jħallas lill-konjuġi l-ieħor manteniment suffiċjenti sabiex iżomm l-istil tal-ħajja tiegħu jekk dan tal-aħħar ma jkollux biżżejjed introjtu mill-assi jew mix-xogħol li jista’ jkun mistenni jagħmel fiċ-ċirkustanzi. Jekk iż-żewġ konjuġi jkunu responsabbli għad-divorzju, iżda l-ebda wieħed minnhom ma jkun aktar responsabbli mill-ieħor, il-konjuġi li ma jistax imantni lilu nnifsu jista’ jingħata kontribuzzjoni għall-manteniment tiegħu, jekk din tkun ekwa fir-rigward tal-ħtiġijiet, tal-assi u tal-qligħ tal-konjuġi l-ieħor. Kwalunkwe kontribut obbligatorju bħal dan jista’ jkun soġġett għal terminu. Fil-każ ta’ divorzju permezz ta’ kunsens, il-konjuġi għandhom il-libertà li jaqblu dwar jekk wieħed minnhom għandux iħallas il-manteniment lill-ieħor, jew jekk jirrinunzjawx b’mod reċiproku għal kwalunkwe talba ta’ manteniment.
4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?
Ma hemm l-ebda arranġament bħal dan fid-dritt Awstrijak.
5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?
Ara t-tweġiba għall-Mistoqsija 4.
6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?
Ara t-tweġiba għall-Mistoqsija 4.
7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?
Id-dritt Awstrijak taż-żwieġ jipprevedi n-“nullità taż-żwieġ” (Ehenichtigkeit). Żwieġ ikun null u bla effett jekk ma jkunx ġie kkuntrattat bil-mod predefinit, jekk wieħed mill-konjuġi kien legalment inkompetenti, inkonxju jew iddisturbat mentalment temporanjament meta ġie kkuntrattat iż-żwieġ, jew jekk iż-żwieġ ġie kkuntrattat biss jew primarjament bl-iskop li wieħed mill-konjuġi jkun jista’ jieħu l-kunjom tal-ieħor jew sabiex jikseb in-nazzjonalità tiegħu mingħajr intenzjoni li tinħoloq relazzjoni ta’ żwieġ. Żwieġ ikun null u bla effett ukoll jekk wieħed mill-konjuġi kien legalment miżżewweġ lil parti terza meta ġie kkuntrattat iż-żwieġ jew jekk iż-żwieġ ġie kkuntrattat b’mod illeċitu bejn persuni li jiġu minn xulxin.
Żwieġ jista’ jiġi annullat minn sentenza tal-qorti jekk, fiż-żmien li ġie konkluż iż-żwieġ, il-kapaċità legali ta’ xi ħadd mill-konjuġi kienet limitata u r-rappreżentant legali tiegħu ma tax il-kunsens għaż-żwieġ, jekk xi ħadd mill-konjuġi ma kienx jaf li kien dieħel għaż-żwieġ jew kien jaf, iżda ma xtaqx jiddikjara r-rieda tiegħu għal dak iż-żwieġ, jekk xi ħadd mill-konjuġi kien żbaljat fir-rigward tal-identità tal-konjuġi l-ieħor, jew dwar kwalunkwe ċirkostanza li tappartjeni għall-konjuġi l-ieħor li setgħet tipprevjeni li jsir iż-żwieġ li kieku dan kien jaf bis-sitwazzjoni u seta’ japprezza kif xieraq l-implikazzjonijiet taż-żwieġ, jekk ġie ngannat biex jidħol għaż-żwieġ b’qerq malizzjuż dwar fatti essenzjali, jew jekk kien imġiegħel jidħol għaż-żwieġ b’mod illeċitu permezz ta’ theddid.
8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?
Ara t-tweġiba għall-Mistoqsija 7.
9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?
Jekk żwieġ jiġi annullat, dan jiġi ttrattat daqslikieku qatt ma seħħ. Huwa biżżejjed li xi ħadd mill-konjuġi biss ma kienx jaf bin-nullità taż-żwieġ meta ġie kkuntrattat sabiex ir-regoli li japplikaw fil-każ ta’ divorzju jirregolaw is-sitwazzjoni bejn il-konjuġi fir-rigward tal-proprjetà tagħhom. Kwalunkwe wild miż-żwieġ jitqies bħal leġittimu anke wara li ż-żwieġ ikun ġie annullat.
10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?
Divorzju jew annullament jista’ jingħata biss mill-qorti, iżda problemi li jinqalgħu b’rabta mad-divorzju jistgħu wkoll jiġu miftehma bonarjament (eż. permezz ta’ medjazzjoni).
11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?
Tilwimiet dwar divorzju jew annullament, jew l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ żwieġ jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qrati Distrettwali (Bezirksgerichte). Tilwimiet bħal dawn jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni esklużiva tal-Qorti Distrettwali għad-distrett li fih il-konjuġi jkunu jew kienu l-aħħar abitwalment residenti. Jekk fil-mument li fih jinbdew il-proċeduri, l-ebda wieħed mill-konjuġi ma kien abitwalment residenti f’dak id-distrett, jew jekk il-konjuġi ma kellhomx residenza abitwali konġunta fl-Awstrija, il-qorti fid-distrett fejn il-konvenut ikun abitwalment residenti, jew jekk il-konvenut ma jkollux residenza abitwali fl-Awstrija, il-qorti fid-distrett fejn jirrisjedi abitwalment il-konjuġi li jressaq it-talba jew, fin-nuqqas ta’ din, il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna Ċentrali (Bezirksgericht Innere Stadt Wien) ikollha l-ġuriżdizzjoni esklużiva. Tilwim bħal dan jaqa’ fil-ġuriżdizzjoni domestika tal-qrati tal-Awstrija jekk wieħed mill-konjuġi jkun ċittadin Awstrijak, jekk il-konvenut jew, fil-każ ta’ talba għall-annullament miż-żewġ konjuġi, tal-anqas wieħed minnhom ikun resident abitwali fl-Awstrija, jew jekk l-attur ikun residenti abitwali fl-Awstrija u jew iż-żewġ konjuġi kellhom l-aħħar residenza abitwali konġunta tagħhom fl-Awstrija jew inkella l-attur ikun persuna apolida jew ċittadin Awstrijak fiż-żmien li ġie kkuntrattat iż-żwieġ. Għalkemm din hija ġuriżdizzjoni esklużiva, jista’ jiġi miftiehem post differenti ta’ ġuriżdizzjoni.
It-talbiet għal divorzju jridu jikkonformaw mal-formalitajiet ġenerali għal talba. It-talbiet għal divorzju b’kunsens, li dwarhom tingħata deċiżjoni fil-proċedura mhux kontenzjuża, iridu jkunu ffirmati miż-żewġ konjuġi. Fi kwalunkwe każ, ċertifikat taż-żwieġ dejjem irid ikun mehmuż. Huwa wkoll rakkomandabbli li jiġi mehmuż kwalunkwe dokument ieħor li jappoġġa t-talba.
12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?
Huwa possibbli wkoll li ssir applikazzjoni għall-għajnuna legali f’każijiet ta’ divorzju f’konformità mar-regoli ġenerali dwar l-għajnuna legali (ara “Għajnuna Legali – l-Awstrija”). Fi proċedimenti ta’ divorzju hemm rekwiżit relattiv għar-rappreżentanza legali, li jfisser li parti li ma tixtieqx tidher quddiem il-qorti personalment tista’ tkun rappreżentata minn avukat biss.
13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?
Id-deċiżjonijiet minn qorti tal-prim’istanza dwar id-divorzju jew l-annullament jew dwar l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ żwieġ huma soġġetti għal appell quddiem il-qorti superjuri rilevanti, jiġifieri l-Qorti Reġjonali (Landesgericht) li taġixxi bħala l-qorti tas-sekond’istanza għall-Qorti Distrettwali kompetenti.
Appell fuq punt ta’ liġi kontra deċiżjonijiet tal-qorti tal-appell ikun permissibbli biss jekk id-deċiżjoni tiddependi fuq ir-riżoluzzjoni ta’ kwistjoni tad-dritt sostantiv jew tad-dritt proċedurali li tkun ta’ sinifikat konsiderevoli f’termini ta’ żamma tal-konsistenza legali jew taċ-ċertezza legali jew tal-iżvilupp tad-dritt, pereżempju minħabba li l-qorti tal-appell tiddevja mill-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema, jew jekk ma jkun hemm l-ebda ġurisprudenza bħal din jew jekk din tkun inkonsistenti.
14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?
Deċiżjonijiet bħal dawn (sakemm ma jkunux mid-Danimarka) jiġu rikonoxxuti b’mod awtomatiku fl-Awstrija, jiġifieri mingħajr ma tkun meħtieġa xi proċedura ta’ rikonoxximent speċjali, f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (ĠU L 178, 2.7.2019, p. 1) (ir-Regolament “Brussell IIb”). Brussels IIb japplika ratione temporis għal proċedimenti mibdijin wara l-31 ta’ Lulju 2022 u għal strumenti awtentiċi mfasslin u għal soluzzjonijiet bil-qorti konklużi qabel dik id-data. Kawżi antiki huma rregolati primarjament mir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (Brussell IIa), ir-Regolament li ppreċeda Brussell IIb, għad li dan ippermetta wkoll sabiex deċiżjonijiet dwar kważi bħal dawn jiġu rikonoxxuti mingħajr proċedura speċjali. Id-deċiżjonijiet mid-Danimarka ġeneralment għadhom jeħtieġu proċedimenti ta’ rikonoxximent separati.
15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?
Talba għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni li xxolji żwieġ li ngħatat barra l-pajjiż trid issir quddiem il-Qorti Distrettwali fid-distrett fejn il-partijiet ikollhom jew kellhom l-aħħar ir-residenza abitwali konġunta tagħhom. Jekk l-ebda waħda mill-partijiet ma jkollha r-residenza abitwali tagħha f’dak id-distrett jew jekk ma kellhiex residenza abitwali konġunta fl-Awstrija, il-Qorti Distrettwali fid-distrett fejn ikun abitwalment residenti l-konvenut jew, jekk il-konvenut ma jkollu l-ebda residenza abitwali fl-Awstrija, il-Qorti Distrettwali fid-distrett li fih l-attur ikollu r-residenza abitwali tiegħu jew, fin-nuqqas ta’ din, il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna Ċentrali (Bezirksgericht Innere Stadt Wien) ikollha ġuriżdizzjoni (l-Artikolu 76 tal-Liġi tal-Awstrija dwar il-Ġuriżdizzjoni (Jurisdiktionsnorm)).
Il-proċedimenti huma rregolati bl-Att dwar il-Proċedimenti Ġudizzjarji f’Materji Mhux Kontenzjużi (Außerstreitgesetz). Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Brussell IIb, l-attur jeħtieġlu jippreżenta kopja tas-sentenza kif ukoll iċ-ċertifikat maħruġ mill-qorti jew mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini skont l-Artikolu 36 tar-Regolament Brussell IIb.
16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?
Id-dritt li għandu japplika fir-rigward tax-xoljiment ta’ żwieġ f’kawżi b’konnessjoni mad-dritt ta’ Stat ieħor huwa ddeterminat mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (ĠU L 343, 29.12.2010, p. 10) (ir-Regolament “Ruma III”). Ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet f’Ruma III għandhom applikazzjoni universali, li tfisser li japplikaw anki jekk id-dritt li għandu jiġi applikat ma jkunx id-dritt ta’ Stat Membru parteċipi.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.